Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki Inklussiv
L-Akkreditazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali bażika li tingħata lil persuni żvantaġġjati permezz tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki
Ħafna persuni li jsibuha bi tqila biex jitgħallmu jew ikollhom livell baxx ta’ edukazzjoni ma jirnexxilhomx itemmu b’suċċess il-korsijiet vokazzjonali formali li jidħlu għalihom, ngħidu aħna, l-apprentistat. Minħabba f’hekk dawn in-nies jippruvaw isibu taħriġ vokazzjonali qasir, imfassal apposta għalihom, biex ikunu jistgħu jiksbu t-tagħrif, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jibdew jipprattikaw is-sengħa tagħhom. Ħafna mit-taħriġ, imsemmi hawn fuq, minkejja li jħejji lill-persuni sew fil-qasam vokazzjonali tagħhom, isir b’mod mhux formali u għalhekk mhumiex akkreditat u ċċertifikat. Kieku dan it-taħriġ ikun akkreditat u ċċertifikat, kieku min iħaddem ikollu stampa ċara tal-ħiliet li jkollu kull individwu li japplika biex jaħdem miegħu.
L-għan ta’ dan il-proġett hu li joħloq mod li bih it-taħriġ vokazzjonali mhux formali jkun akkreditat u ċċertifikat, fid-dawl tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki ta’ kull pajjiż u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

Il-proġett huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u jaqa’ taħt il-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja Leonardo da Vinci, li t-tir tiegħu hu li jxerred l-innovazzjoni. L-imsieħba fil-proġett huma mill-Awstrija, il-Belġju, Malta, l-Iżvezja u s-Slovenja. Il-Proġett beda f’Ottubru 2009 u jintemm f’Settembru 2011.



